Is-Sibt, 28 ta’ Frar 2009

Jien, il-mara u l-karozza

M’ilux iddeċidejt li nitla’ Sqallija bil-karozza. Tal-lukanda staqsieni kemm konna se nkunu u jiena weġibtu: “Jiena, il-mara u l-karozza.” Biċ-ċajt ridt ngħidlu li llum biex iżżomm karozza qisu għandek membru ieħor tal-familja. Daqshekk jiġuk l-ispejjeż biex “tmantni” lill-karozza. L-ispejjeż huma enormi.

Għal dawk li jaqilgħuha u jiekluha jew għandhom paga medja, żgur li karozza saret lussu. Għal dawk li jaqilgħuha raġonevoli, il-karozza saret piż finanzjarju li jridu jaħsbu għalih, bħal meta jkollok taħseb għall-miżati tal-edukazzjoni tat-tfal. Litteralment qisu għandek persuna oħra fil-familja. Anzi kultant agħar, għax sakemm ma jkollokx lil xi ħadd imqareb, tal-familja ma jiġukx bil-multi d-dar.

Jiena naf nies li joħorġu bil-karozza bil-qies. Mid-dar għax-xogħol u mix-xogħol għad-dar. Ġiri żejjed mill-inqas u għall-bżonn biss.

Jgħiduli li kieku ma jafux jinnavigaw huma jew għandhom lil xi ħadd fil-familja dilettant tal-karozzi, kull meta jasal is-‘service’ ma jifilħux għalih. Nies li jieħdu qatgħa kull meta jisimgħu li għola l-petrol jieħdu qatgħa għax ifisser li se joħorġu flus aktar meta jmorru għand tal-pompa. Biex tgħaxxaqha, il-VAT fuq il-petrol jogħla u jinżel qisu temperatura tad-deni.

Iżda l-agħar l-ispejjeż li mhumiex direttament marbutin mal-karozza iżda dawk li ħloqna aħna biex komplejna kabbarna l-ġerħa taż-żgħir bl-introduzzjoni bil-pulit ta’ taxxi u ħlasijiet lill-privat li mhux kontrollati. Minħabba li Malta hija żgħira, m’hawnx post biżżejjed għall-bnedmin aħseb u ara għall-karozzi u ma tistax tiġġebbed bħall-lakstuwa, kull fejn tmur kulħadd jabbuża mill-għatx kbir li hawn għall-‘parking’.

Dan iseħħ mill-‘warden’ sa dak li għandu parkeġġ privat bi ħlas.

Kontroll ta’ xejn fuq dan is-servizz. Din il-ġimgħa ltqajt ma’ waħda li tmur tara lil żewġha l-isptar kull filgħodu u filgħaxija.

Għall-parkeġġ tal-isptar tħallas kważi €80 fil-ġimgħa.

Qegħdin imorru tajjeb dawk li ħadu il-parkeġġ f’idejhom mingħand il-Gvern li sa ftit ilu mhux biss ma kienu jħallsu xejn talli minbarra li nħallsuhom aħna jħallashom il-Gvern ukoll. Sa ftit ilu l-anqas kien jgħaddilek minn moħħok li tħallas għall-parkeġġ tal-isptar. Iżda llum moderni! Tal-inqas jiġu esentati l-qraba li ta’ kuljum bilfors ikollhom ikunu għal sigħat twal ħdejn il-qraba tagħhom.

Oħorġu bil-familja u għamlu l-aktar ħaġa ordinarja li tagħmel familja ordinarja; morru araw film mal-familja tagħkom. L-entratura diġà projbittiva. Meta tiġi biex titlaq issib li sakemm kont qiegħed tara l-film kellek persuna oħra tistennik fil-parkeġġ: il-karozza.

Għall-‘parking’ trid tħallsilha daqs l-entratura ta’ persuna biex jara l-film.

F’Paceville hemm toqba kbira taħt id-Dragonara fejn dejjem issib tipparkja. Inti u dieħel jiġi wieħed fuqek qisu sagristan u jitolbok €7, anke jekk tkun se ddum ftit tal-ħin. Qegħdin jisirqu lil uliedna ħajjin kull meta joħorġu jiddevertu. Jiena nemmen li jrid ikun hemm kontroll fuq dawn l-eċċessi legali. Ma jistax ikun li nkomplu nħallu s-salarju ta’ impjegat jibqa’ jigi mnaqqar b’dan il-mod.

Iżda l-agħar il-mod kif titħaddem is-sistema tal-‘wardens’ li ġabet lil kulħadd irkopptejh. Jiena naf b’ħaddiema l-Industrial Estate ta’ Bulebel, li sa ftit ilu kienu jmorru biex jaqilgħu l-ġurnata tax-xogħol tagħhom u jsibu il-multi fuq il-‘windscreen’. Ma nafx għadhomx jibilgħu dawn il-multi u jekk għadhom nixtieq inkun naf.

Tidwir u manuvri fiskali li kien joħroġ bihom is-Sheriff ta’ Sherwood biex jagħsar lill-fqir. Sa ftit ilu bl-akbar ksuħat, kien hemm min f’siegħa qala’ erba’ ċitazzjoniet għall-istess ħaġa. Qisu hemm xi ħadd fuq il-‘wardens’ li jagħmel kemm jiflaħ pressjoni fuqhom biex jagħtu kemm jifilħu multi u ċitazzjonijiet. Bil-farsa tat-tribunali lokali, li mhux biss jiddispensaw ġustizzja tal-karta pesta, iżda li qegħdin iservu biex ikomplu jagħmlu sinjuri lil ponn nies u jimpjegaw reġiment persuni li għandhom għajnejhom blu jew ħomor.

Għax bħal li qalu dawn il-multi kollha mhumiex biżżejjed, issa kabbarna msaġar ta’ ‘speed cameras’ b’multi ekwivalenti għal terz jew kwart ta’ salarju minimu li impjegat jaqla’ f’ġimgħa. Dawn ma sarux esklussivament fl-interess tal-poplu iżda ukoll fl-interess ta’ min jipprovdihom. Wara li xettilna t-‘traffic lights’ kull kantuniera qisu kulħadd marritlu saħħtu f’saqajh, issa żrajna kemm Alla ħalaq ‘speed cameras’. Issa vera, li jekk trid tasal il-Belt fid-9.00 a.m., trid titlaq mid-dar fis-7.00 a.m. Flimkien mal-konġestjoni tat-traffiku issa daħlu f’konfoffa l-‘ispeedcameras’ u t-‘traffic lights’ kull kantuniera biex il-vjaġġ tagħna ikun bis-sulluzzu.

F’daqqa waħda, wara li ilhom is-snin jerdgħulna demmna, anke Sindki Nazzjonalisti qegħdin jaraw id-dawl. Mhux bħal Louise Tedesco fil-kamra tal-banju, iżda fil-lokal tagħhom. Iddikjaraw li s-sistema tal-‘wardens’ hija inġusta. Kien il-Gvern u l-Partit tagħhom li ħoloq dan il-mostru soċjali u issa bilkemm ma jridux jippożaw ta’ oppożizzjoni.


Is-Sindku ta’ Ħal Lija, in-Nutar Ian Castaldi Paris ħareġ qatta’ bla ħabel u akkuża li dawn qegħdin ifaqqru lin-nies. Oħroġ il-għaġeb, Michael Fenech Adami, is-Sindku ta’ B’kara, akkuża li din is-sistema qiegħda taħleb lill-kunsilli. Għalija kienet aħbar li ħasditni li l-kunsilli joħorġu mill-but u mhux idaħħlu. Jiena kont naħseb li tal-anqas xi ħaġa terġa’ tmur lura fi bwiet il-poplu, iżda is-Sindku ta’ Birkirkara ħallieni b’ħalqi miftuħ meta għarrafni li l-anqas huwa hekk.

Jekk fhimt sewwa, dawk li jħaddmu din is-sistema mhux biss jaqilgħuha minn għandna, iżda saħansitra ssussidjati mill-kunsilli lokali. Tassew il-każ ta’ min iqaxxar il-bajtar. Ta’ ġewwa jieklu ħaddieħor u min iqaxxru jibqa’ bix-xewk f’idejh.

Iżda dawn huma biss parti mill-ispejjeż. Il-‘premiums’ tal-assigurazzjonijiet dejjem jogħlew. Issa se ikollna is-‘circulation tax’ li ma għandniex xi ngħidu se tkun eħrex mit-taxxa ta’ qabilha. Għolew il-liċenzji, għolew is-servizzi, trid tħallas b’multa aktar minn doppju jekk inti tidħol il-Belt… x’jonqos ma’ dan kollu…iva għax kont għoddni insejt…il-krateri u toqob fit-toroq sekondarji u arterji prinċipali.

Inti rajtu d-dawl?

Għax xi ħadd f’Kastilja għadu fid-dlam!

Skulturi

"Aw Ċali! Ġibli daqsxejn dik il-banketta!” Kont għadni daqxejn ta’ fellus u ħafif daqs għażżiela . Qbiżt fuq il-palk bil-banketta f’idi u tajtielu. Dak kien Charles Clews, ’il fuq minn 40 sena ilu. Iżda niftakru qisu l-bieraħ fuq il-palk tar-Radio City jagħmel ir-‘rehearsals’ tat-Tieġ Ta’ Karmena Abdilla. Jiena kont noqgħod bieb u għatba minn mar-Radio City u ta’ tifel li kont nagħti daqqa t’id.

Ix-Xige, li kien il-‘factotum’ f’dan it-teatru kien iħallasni bl-entratura b’xejn.

Trabbejt fid-dell ta’ Charles Clews u oħrajn bħal Armando Urso, Johnny Catania , Ġemma Portelli u Johnny Navarro. Fi żminijiet meta d-dinja tagħna kienet magħmula minn kaxxa f’rokna li konna insejħu redifjuxin, u oħra akbar, it-televixin ‘black&white’ u stazzjonijiet mill-anqas. Iżda Charles Clews kellu s-seħer li anke meta tisimgħu qisek qiegħed tarah. Kellu leħnu pulit u ċajtier. Anke ċajta daqsxejn ħamalla kien ilibbes b’dinjità.

Dejjem xummiema u bil-libsa, b’dak ix-xagħar għalkemm ħafif, mixħut lura nkollat xi ftit bil-brillantina. Kien ħoloq iċ-ċajt niggieżi fuq il-kunjata fi żminijiet li separazzjoni ħadd ma kien jaf ifisser. Iżda għalkemm il-kunjata dejjem kienet tkun fil-mira tar-rakkonti tiegħu, kien qalli li fir-realtà dejjem kellu relazzjonijiet tajbin magħha. Għax dak iż-żmien kollox kien ċajt xejn ta’ veru u llum kollox ta’ veru u ċajt xejn. Charles Clews kien ir-rifless ta’ ħajja ferħana li taf tifraħ bix-xejn.

Illum il-komiċi tagħna imqar jersqu ħarira lejn l-istil ta’ Charles Clews. Kien kabarettista ta’ vera mingħajr ma kien imlebleb għall-flus . Kellu ċajt fin u niggieżi li mingħajr ma jweġġa’ lil ħadd, xorta waħda kien iwassal il-messaġġ, ġieli anke politiku.

Il-komiċi tal-lum huma għal kollox ta’ għaġna differenti. Iridu jdaħħku b’ċajt li jkunu semgħu mingħand ħaddieħor u mhux ħolqu huma.

Il-kontenut ta’ kliemhom la hu meqjus u lanqas maħsub. Wħud minnhom titfgħalhom sold u jmorru ma’ kull riħ li jikrihom.

Meta smajt bil-mewt ta’ Charles Clews għal darba oħra ħassejt li mietet parti minni.

Iċ-ċajt biex tirrakkontah irid ikollok ħakma tal-ilsien. Ġieli smajt ċajta mingħand wieħed u tbissimt u smajt l-istess ċajt mingħand ieħor u għoxejt bid-daħk. Skont il-Malti li tuża u l-espressjonijiet li turi. Jekk Charles Clews għallimni niċċajta, is-Sur Pawlu Aquilina għallimni nikteb u nitkellem Malti tajjeb, ġieli tajjeb biż-żejjed li ġabni fl-inkwiet . L-aħbar li miet is-Sur Pawlu Aquilina nikktitni mhux ftit.

Id-Duluri, kif konna laqqamnih aħna l-istudenti tal-Liċeo, kien għalliem tal-Malti eċċellenti. Jiena kelli ukoll il-privileġġ li bilqiegħda ħdejja kważi għal ħames snin sħaħ, kelli lit-tifel tiegħu Robert li ma għandniex xi ngħidu mexa sewwa fil-ħajja. Pawlu Aquilina kellu minn Mikelanġelo, li minn blata samma kien kapaċi joħroġ opra li tagħmel xi ftit tas-sens. Dik il-ġebla samma kont jiena.

Pawlu ġie f’mument f’ħajti fejn kont għadni ma ħadtx deċiżjoni eżattament x’ridt nagħmel f’ħajti. Aktar kont ħsiebi f’kumitati rivoluzzjonarji, milli biex inħejji lili nnifsi għal żminijiet ordinarji . Darba qalli: “Jaħasra kieku trid Abela, għandek Malti tajjeb. Jekk tirranġa l-ortografija anke tkun tista’ tikteb xi artiklu ‘l hawn u’l hinn.” Mhux biss bdejt ninteressa ruħi fil-Malti iżda saħansitra bdejt nikkorrispondi miegħu fuq is-suġġett. Xi sentejn wara saħansitra bdejt nippubblika revista letterarja ta’ darba f’xahar jisimha “Il-Mixtla.” Sakemm ippubblikajt poeżija li dak iż-żmien kienet titqies bħala semi- pornografika u s-Surmast waqqaf kollox. Meta rani fil-kuritur qalli: “ Abela! Ma kienx Malti li sirt tħobb!” u tbissem.

Meta kont ġejt maħtur President tal-Partit Laburista fl-1989, kien l-ewwel wieħed li bagħat jawgurali. Niftakar li kien bassarli li quddiemi kelli futur kbir. L-unika darba li żgarra għax xi disa’ xhur wara spiċċajt mhux biss minn din il-kariga iżda qafluni barra bil-musketterija. Meta nħares lura ma nsib xejn ħażin; f’dak kollu li ġara għax kien hu stess li reġa’ kitibli u qalli: “Tmut ħaġa u tinbet oħra.”

L-aħħar li smajt mingħandu xi ftit tas-snin ilu meta kien għadu ħiereġ il-ktieb ta’ Alfred Sant. Ma nafx jekk kienx qiegħed jagħmel il-‘proof reading’ tal-manuskritt iżda jidher li kien hemm partijiet f’dan il-ktieb li ħallew impressjoni kbira fuqu. Iddiskrevieli kemm kienet realistika silta minn dan il-ktieb ta’ karozzin tiela’ s-Saqqajja.

Skont hu, mhux biss tħossok fuq il-karozzin iżda saħansitra tħoss l-iskossi. Is-Sur Aquilina kien ragel emottiv ħafna u ma ninsa qatt dik id-darba meta kien qiegħed jaqra waħda mill-poeżiji ta’ Rużar Briffa, mingħalija dwar il-lebbra u f’mument minnhom dar lejn il-ħajt biex jimsaħ demgħa li qabżitlu minn għajnejh .

Mingħajr ma jafu, Charles Clews u Pawlu Aquilina kienu f’konfoffa biex mill-ġenerazzjonijiet ta’ żmienhom għamlu ħafna rġiel u nisa.

Dawk li ċajta jeħduha u jafu jidħku bihom infushom. Dawk li jafu jitkellmu u jiktbu l-ilsien li wellidhom. Ħadd ma għadu ħa posthom kif suppost. Illum ħlief gdiedem u nies li ma jafux jartikolaw argument ma tilmaħx. Jekpawluk ma tridx dawn issibhom fl-ogħla karigi u pożizzjonijiet. Għalhekk ir-riżultat medjokri li għandna illum f’ħafna oqsma tas-soċjetà.

Il-Ħamis, 29 ta’ Jannar 2009

Biex Ma Ninsew Qatt

Agħfas Play


F'dawn il-jiem id-dinja tiċċelebra l-anniversarju tal-Olokawst tal-Lhud taħt ir-reġim ħitlerjan. Fil-gazzetti tagħna naqraw rakkonti ta' dawk li kienu fil-kampijiet ta' konċentrament. Juruna filmati tal-epoka tal-istat inuman li għexu fih dawk il-Lhud f'dawn il-kampjiet tal-biżgħa. Jintwerew films b'din it-tema, sal-bieraħ stess "Scindler's List” u "The Pianist".

Dak kien żmien li lili dejjem ġibidni lejh. Mhux f'sens tajjeb iżda f'sens ta' kurżita' stramba storika biex nipprova għaliex il-bniedem jasal biex bl-aktar mod biered u metodiku jfassal il-ġenoċidju ta' daqstant miljuni ta' nies. Mhux biss Lhud iżda Russi, Roma, Xhieda ta' Jehovah, omosesswali u tant oħrajn.

Qatt ma fhimt kif il-poplu Ġermaniz li huwa daqstant sofistikat jasal biex iwettaq dawn il-ħruxijiet. L-art li welldet l-iprem nies f'kull dixxiplina akkademika …lil Goethe, Schiller, Kant, Beethoven, Schubert u l-lista twila ta' nies straordinajri li biddlu lill-umanita', kellha tkun l-istess art li fuqha jinbnew fabbriki makabri biex jaħmu lill-bnedmin.

Niftakar li meta xi żmien ilu mort ir-Repubblika Ċeka żort il-fortizza ta' Tereżin. In-Nażisti kienu ikkonvertuha f'wieħed minn dawn il-kampijiet ta' konċentrament. Ħdejn oħrajn fil-Ġermanja, bħal Auschwitz, Bergen Belson u Birkinau dak ta' Tereżin kien passiġġata. Dħalt f'sala fejn kienu jipproġettaw il-filmati ta' dak iż-żmien. Wieħed mid-dokumentarji spiċċa bil-frażi "Lest We Forget!" Bilqiegħda quddiemi kien hemm wieħed li x'aktarx kien Lhudi li beda jibki u jirrepeti dawn il-kliem bħal gagulatorja.... "Lest we forget…lest we forget ….lest we forget."

Ngħid il-verita' ħriġt minn dak il-post imnikket. Bqajt impressjonat b'dak ir-raġel, għalkemm il-post kollu jħalli marka profonda fik. Fil-fatt ħadd ma nesa, ħlief għall-Lhud stess. Jagħmlu tajjeb li jfakkru lil ħaddiehor min x'hiex għaddew iżda huma stess jinsew. Wasalt għal din il-konklużjoni b'dak li rajt dan l-aħħar f'Gaża!

Il-Ħamis, 8 ta’ Jannar 2009

Charles...

Lil Charles Camilleri kont nafu snin ilu meta kont għadni nattendi l-Universita'. Qiegħed ngħid madwar 27 sena. Wara ftit li xejn iltqajt miegħu. B'dana kollu dejjem ħassejtni li bqajt qribu permezz tal-kompożizzjonijiet tiegħu.

Għalija Charles irnexxilu jidħolfil-psike tas-soċjeta' Maltija bix-xorta ta' komożizzjonijiet mużikali li għandhom laqta qawwija lokali. Huma moderni, iżda jibqgħu distintivament Maltin daqs kemm hija l-għana tradizzjonali. It-taħlita ta' notiklassiċi ma’ għanjiet lokali ħolqot ġeneru indiġenu li sal-lum ħadd għadu ma ħareġ bih.


Mort għall-funeral tiegħu fil-Knisja tan-Naxxar. Ngħid il-verita' stennejt li ser insib il-Knisja imballata bin-nies. In-Nofs kien kważi mimli iżda il-gnub kollha battala. Riflessjoni fuq il-poplu Malti ta' nuqqas ta' apprezzament kulturali. Iżda għalkemm il-Knisja kienet nieqsa minn nies, fl-arja kien jinħass li kienet tfawwar bil-ħajja, anke jekk kien funeral. Kont qiegħed nisma' ħafna mill-kompożizzzjonijiet ta' Charles jidwu, jduru u jimxu fil-Knisja. Il-Kompożizzjonijiet li jfaħħru u jagħtu ġieh lill-ħajja.

Ikolli nammetti ħadt gost insegwi l-omelija ta' Dun Peter Seracino Inglott. Dun Peter kien qrib ħafna Charles, għalhekk minbarra il-moħħ analitiku tkellem dwar il-ħabib. F'din l-omelija laqtuni it-tlett karatteristiċi li elenka Dun Peter fuq ix-xogħlijiet u sa ċertu punt anke fuq karattru ta'Charles.

Il-ħemda. Charles kien iħobb il-ħemda. Kien jibgħod l-istorbju u mhux aċċidentali li waħda mill-isbaħ kompożiżzjonijiet tiegħu propju jisimha notturn. Għal Charles il-ħemda u s-skiet huma l-ġuf tal-ħolqien. Jiena naħseb li l-ħemda twelled kull arti, anke dik l-aktar storbjuża. Dun Peter irrakonta li meta Charles kien ikun jiekol barra u jsib il-mużika għolja, kien jitlob li titbaxxa jekk mhux ukoll li titwaqqaf.

L-imperfezzjoni. Li l-bniedem jimmira għall-perfezzjoni iżda qatt ma jista' jilħaqha. Għalhekk fil-mużika tiegħu l-element lokali kien jirriflettih bl-imperfezzjonijiet kollha tiegħu. Tisma'il-marċ ta' nofs in-nhar biż-żarżir u żgarraturi tal-bandisti meta kulħadd fis-sakra ma jagħtix tant kas. L-għanja ta'omm li tiftakar x'kient tgħannilha ommha bil-mod kif toħroġ minn fomm omm Maltija. Dan kollumingħajr lostru għax dejjem għexna f'dinja imxattra kollha gwerrer, impurita' u nuqqqasijiet. Fi ftit kliem l-imperfezzjoni hija karatteristika permanenti tal-bniedem u Alla biss huwa perfett.

L-imħabba. Fil-mużika tiegħu Charles kien iħobb jikkatpulta l-imħabba. L-aktar li kienet tispikka fil-kompożizzjonijiet reliġjuzi tiegħu. Dun Peter irrakonta anedottu ta' meta Charles kien għadu kemm ġie lura mill-Kanada. Kien dieħel bil-mixi minn Putirjal. Kuċċier ta'karozzin beda jgħajjat miegħu biex iżul minn nofs u saħansitra tah it-titolu ta' annimal. Meta warrab min nofs, Charles dar fuq iż-żiemel u bil-ħlewaa qallu: "Suq Ċali'!" Dak il-ħin kulħadd infaqa'jidħak fil-Knisja. L-ewwel darba li f'funeral smajt id-daħk.

Iżda ma kienx id-daħk ta' xi ħadd li qiegħed ikasbar lil ħaddiehor. Kien il-frott tal-ferħ li tnissel f'qalb kulħadd waqt ċelebrazzjoni li tfakkar il-ħajja u mhux il-mewt. Charles ħalla ħajja u ferħ kbir warajh. Kif jgħid il-poeta: "A thing of beauty, is a joy forever!".

L-Erbgħa, 31 ta’ Diċembru 2008

Il-Ġojjell

ID-DEĊIŻJONI

"Propju issa kellha ċċempel….meta ser naqbdu nilbsu!" esklama Clarke b'ċertu għadab u diżappunt. Clarke u martu Berta kienu mistednin għal party għand il-ġirien tagħhom, mhux 'l bogħod minn fejn kienu joqgħodu. Kien lejliet il-Milied u kienet ser tkun l-ewwel darba,minn meta kellhom l-aħħar tifel, li ser joħorgu mingħajr it-tfal. Iżda jidher li l-pjan kollu kien ser jisfratta għaliex, tfajla li kellha toqgħodilhom mat-tfal, ċemplet fl-aħħar mument biex tinfurmhom li ma setgħetx tiġi għax kellha l-influwenza.



Berta, li l-ħajja dejjem kienet teħodha b'ċertu filosofija u li fejn it-tfal ma kien joqgħod ħadd u xejn, wieġbet : "M'hemmx x'tagħmel, kulħadd jista' jimrad. Tkun darba oħra. Bħal ma lbisna, nistgħu ninżgħu …"u biex tikkonforta lil Clarke kompliet tgħid"…wara kollox x'hemm isbaħ milli tgħaddi lejliet il-Milied mal-familja?" Iżda Clarke ma riedtx jaċċetta, li għal darba waħda biss f'sena ma setax imur ma' martu għal daqxejn ta' party u dan kważi wara erbgħa snin ma jistgħux jiċċaqalqu minħabba t-tfal.

"Jiena jidhirli li xorta għandna mmorru. Wara kollox mhux ser inkunu 'l bogħod. Kull siegħa nista' niġi nittawwal. Ngħarrfu wkoll lil ġirien, biex jekk jaraw xi ħaġa isejjħulna. Qabel ma inraqqduġom, lil Aaron nagħtuħ it-telefon 'number' ta' fejn ser inkunu…telefon jaf x'inhu għax mhux l-ewwel darba li ċempel 'l ommok u lili fuq ix-xogħol …igħid Bert… x'taħseb?" staqsa lil martu Clarke.

"Min jaf kieku inċemplu lil Vicky u nistaqsuha nistgħux nieħdu lit-tfal magħna?" ipporponiet Berta, mingħajr ma wieġbet lil Clarke. Żewgha mill-ewwel irrejaġixxa u qallha: "Ma tafx li mistedinin mingħajr tfal. Meta stednuna bit-tfal, qalulna. Ma rridx immur għandhom bit-tfal meta ser ikun hemm koppji biss. …għandha tigi minna
li ma nieħdu tfal. Wara kollox, f'dawn l-aħħar sentejn ma nafx li xi ħadd mit-tfal qam f'nofs ta' lejl. Fejn ma qamu qatt, ser iqumu llum?!."



Kienu għadhom it-8.00 ta' bil-lejl. Berta ma riditx taf. Iżda Clarke beda jinsisti li għandhom imorrru. Wara kollox Aaron, l-akbar miż-żewġt itfal, ma kienx jibża' joqgħod waħdu. Clarke fakkar lil Berta f'dik id-darba li ommha kienet ħallietu waħdu meta ħarġet tixtri għax naqasha xi ħaġa. Minħabba inċindent zgħir li kellha bil-karozza, ħallietu waħdu għal kważi sagħtejn u xorta ġab ruħu qisu raġel u ma kien ġara xejn. Berta sa fl-aħħar ċediet, bil-patt u l-kundizzjoni li kultant żmien, Clarke jaqbeż qabża jagħti titwila u li qabel is-siegħa jidħlu lura d-dar.

Raqdu lit-tfal. Qabel, Clarke fakkar lil Aaron, li jekk jibqgħu reqdin 'Father Christmas' jiġi żgur. Clarke ħalla kopja taċ-ċavetta tad-dar mal-ġar għalli jista' jinqala', u għal ħabta tal-10pm telqu għall-party.



*******************************************

IL-ĦALLIEL

Roy kien ħalliel professjonali. Minbarra li kellu għodod biex jekk irid anke jidħol minn ventilatur, kien jaf ukoll meta u fejn għandu jidħol, bl-inqas riskji possibbli biex jisraq. Kien jaf li lejliet il-Milied huwa fost l-aħjar żminijiet għall-aħjar serqa. Roy kien qiegħed iħejji biex f'dak il-lejl, jagħti l-kolp. Ilbies iswed minn
rasu sa saqajh. Barnuża sewda u barżakka ukoll sewda, imdaqqsa bl-għodod fiha. Waħda minn dawk il-barżakki li tiddendel mad-dahar.



Kapaċi kemm kien kapaċi biex jisraq, Roy inqabad darbtejn mill-mitt serqa li għamel f'ħajtu. B'kollox qatta' madwar erba’ snin ħabs u martu Joy kienet telqitu minħabba f'hekk. Kellhom tifla jisimha Cathy ta' sittax-il sena, li kienet ilha f'siġġu tar-roti għal madwar ħdax-il sena. Weġġgħat f'inċident stradali meta kienet ħarġet miegħu
fuq qadja u minn dak in-nhar 'l hawn, baqet ipparalizzata minn qaddha 'l isfel.

Roy baqa' jhewden li l-inċident seħħ tort tiegħu, għax ħarbitlu minn taħt għajnejh. Kien ta għas-serq, biex jagħti lil Cathy dak kollu li għandha bżonn u sabiex meta jiġu nieqsa hu u Joy ma jkun jonqosha xejn. Bil-paga miżera li kellu ta' purtinar f'fabbrika u mingħajr ebda dħul sostanzjali ieħor, bintu żgur kienet ser tbati. Ta' skola ma kienx u impieg ieħor tajjeb ma setax isib. Dan kollu martu Joy, qatt ma setgħetx tifhmu. Anzi biex tkompli tkabbarlu s-sens ta' ħtija mhux l-ewwel darba li xlietu li kien hu li tefa' lil Cathy fis-siġġu tar-roti.



L-arranġament li kellu ma' Joy biex jara lil Cathy kien sempliċi u sa issa kien ħadem tajjeb. Kien imur jara lil bintu darbtejn fil-ġimgħa meta Joy ma kenietx tkun hemm. B'hekk hu u Joy ma kienux jiltaqgħu. Kien jidħol minn wara, mill-bieb tal-kċina u jibqa' sejjer dritt għas-salott fejn kien isib lil Cathy fuq is-siġġu tar-roti tistennih. Anke biex jara lil bintu kien ukoll iħossu qisu dieħel f'dar biex jisraq.

It-tnejn ikunu mixtieqa għal xulxin. Wara li jgħaddi qisu siegħa magħħa u jkun wasal il-ħin biex tiġi Joy, jagħtiha bewsa u jħalilha envellop bil-flus fih. Kien qiegħed ukoll iwarrbilha dik ix-xi ħaġa f'kont bankarju għal meta jiġi nieqes. Għalhekk, la kien jiddejjaq u l-anqas tigih piena meta jisraq lil ħadd ieħor. Miż-żejjed ta' ħadd
ieħor, kien jagħmel tajjeb għan-nieqes ta' bintu.



Issa kien fi triqtu biex isib dik id-dar tajba. Dik id-dar li seta' jidħol fiha bl-anqas riskji. Jieħu dak li għandu jieħu minn ġo fiha u jitlaq 'l hemm.

*********************************

IL-ĠOJJELL

Nofs il-lejl kien wasal biex idoqq. Kienet nieżla naqra borra. Il-borra għandha l-periklu tagħha, għax magħha ġġib iż-żlieq, iżda fl-istess ħin tassorbi l-ħsejjes tal-passi tas-saqajn. Kien ilu siegħa jdur u jgħarrex biex isib id-dar ideali sakemm fl-aħħar wasal quddiem id-dar ta' Clarke u Berta. Kienet kwieta u fuq ġewwa mingħajr
movimenti. Kull ma kien hemm, siġra tal-Milied tintefa' u tixgħel ħdejn tieqa. Iżda dak normali. Min ma jibqax id-dar, is-siġra tal-Milied qatt ma jitfiha. Sinjal ieħor li f'dik id-dar ma kien hemm ħadd, il-garaxx miftuħ u li ma jinfidx mad-dar. Ma kien hemm ebda karozza fih. Min joqgħod f'dik id-dar bil-fors ħareġ.

Minbarra dan, il-ġirien li jmissu ma' din id-dar kienu qegħdin jiċċelebraw. Id-daqq, l-għajjat u l-kant tal-ġirien, kienu garanzija li l-ftit ħsejjes li seta jagħmel biex jisgassa, żgur ma kienux ser jinstemgħu. Dik kienet id-dar ideali għal serqa ideali, f'mument ideali.



B'lieva, fetaħ b'ċertu faċilita' waħda mit-twieqi li kien hemm fuq wara tad-dar. Daħal minnha mingħajr ħsejjes u bil-ħeffa ta' nemes. Xegħel it-"torch" u mill-ewwel fehem, li kien qiegħed f'salott. Minn dak li beda jurih id-dawl tat-"torch" ma kien hemm xejn prezzjuż x'jieħu minn dik il-kamra u ma kellux ħsieb li jitabba' bir-raċanċ. Mis-skiet li taqtgħu b'sikkina li kien hemm fid-dar, kompla jsaħħaħ il-fehma li ma kien hemm ħadd fiha. Kellu l-ħin kollu biex iqalleb u jfittex sewwa f'kull kamra u f'kull kexxun.

Baaqa' ħiereġ mis-salott għal ġewwa kurridur, b'taraġ li jwassal għal kmamar ta' fuq meta f'daqqa waħda xi ħadd xegħel id-dawl. Roy iffriża, inħasad u instintivament qabad il-lieva biex jiddefendi lilu innifsu. F'ras it-taraġ, jilmaħ bil-wieqfa lill-Aaron, liebes pyjama u 'pupu taċ-ċarruta f'idejh.

Aaron staqsih "Int min int?" Roy għamel subgħajħ ma ħalqu bħal sinjal ta' skiet. Roy staqsa lura b'leħen bil-kemm jinstema': "Fejn qegħdin il-mama' u l-papa'?" Aaron mingħajr sinjal ta' bizgħa f'leħnu wieġbu u staqsih fl-istess ħin: "Qegħdin party u jiena waħdi…inti min int ?" Roy gieħ f'moħħu li jgħidlu li ħu 'Father Christmas' u biex jikkonviċi lil Aaron li qiegħed igħid il-verita', urih il-barżakka u qallu "…ara …anke l-ixkora tar-rigali għandi!"



Għal mument u b'ċertu ħarsa ta' suspett, Aaron ikkumentalu "Iżda 'Fatħer Christmas' ma jilbisx iswed u jkollu barnuza ħamra bil-'fur' abjad. Int l-anqas daqqna twila bajda ma għandek" Għal mument Roy kien ser jaqbad jitgerfex, ma kienx jaf x'ser jgħidlu, sakemm gieħ f'moħħu li jivvinta aktar…" Għandek ragun, jiena mhux 'Father
Christmas'…jiena ngħinu jqassam ir-rigali…bħal issa, bħali hemm oħrajn fid-djar oħra….taf int…'Father Christmas' tant ikollu x'jagħmel fil-Milied, irid ilaħħaq mat-tfal tad-dinja kollha …biex ilaħħaq sa nofs il-lejl bil-fors ikollu bżonn l-għajnuna…taf int…miskin 'Father Christmas' issa qiegħed jixjieħ…aħna li ngħinuh ma nistgħux nilbsu l-aħmar. Nilbsu l-iswed biex intom it-tfal ma tarawniex… inti iffurtunat għax qbadtni."

Għal mument Roy baqa' jħares lejn Aaron, jistenna xi xorta ta' reazzjoni, jitlob 'l Alla li dak it-tifel bela' il-ħrafa li kien għadu kemm irakontalu. F'daqqa waħda xirfet tbissima fuq wiċċ Aaron, niżel jiġri t-taraġ tnejn tnejn qisu ħaruf, għannaq lil Roy miegħu u b'ferħ qallu: "Grazzi, grazzi ħafna!" Qabad lil Roy minn idejh u b'leħen kollu entużjażmu reġa'qallu "Ejja ħalli nieħdok ħdejn is-sigra tal-Milied. Tista' tpoggi r-rigali tiegħi u ta' ħija taħtha u nwiegħdek li mhux ser inħares u l-anqas ser niftħuhom issa. "Għal dawn il-kliem Roy rega' inħasad u staqsa lil Aaron "Mela ħuk hawn qiegħed!…fejn qiegħed! …ma għedtliex li qiegħed waħdek!" u Aaron b'leħen kalm għall-aħħar wiegbu "…U le tinkwitax, dak mhux ser jarak…għadu żgħir u qiegħed rieqed. "Għal dawk il-kliem, Roy rega'ikkalma.

Roy fil-barżakka ħlief għodod ma kellux. Għalhekk ħareġ bi skuża oħra u qal lil Aaron: "Qabel ma npoġġi r-rigali taħt is-siġra tal-Milied, jimporta jekk nixrob tazza ilma…taf int, issa ili indur id-djar u qabadni l-għatx. Aaron mingħajr paroli ta' xejn ħadu fil-kċina. Fetaħ il-fridge u ferralu tazza ħalib u lil Roy qallu "Ħa tazza ħalib, il-mama tgħid li bil-ħalib is-snien jikbru aktar u aktar isiru bojod".



Roy għamel ta' bir-ruħu li qiegħed jixrob il-ħalib sakemm qal lil Aaron "Anke aħna li ngħinu lil 'Father Christmas' xi kultant inkunu nixtiequ naraw affarijiet sbieħ…intom għandkom affarijiet sbieħ…fejn naf jiena…xi ġojjell ?" Kif Roy qal hekk, Aaron qomos u qallu "Ġojjell… Ġojjell għandna wieħed fuq. Tgħidx kemm huwa għal qalb il-mama'!"

Kif Roy sema' dawn il-kliem mill-ewwel qal lilu nnifsu li daħlu x-xilep u bħal wieħed li hu kurjuż izda mingħajr ma juri entużjażmu żejjed, reġa' qal lil Aaron "Eh, iwa, għandkom gojjell? Kieku nixtieq narah." It-tifel bl-akbar innoċenza reġa' qabad lil Roy minn idejh u qallu, “Ejja miegħi ħalli nurihulek!", u ħadu fuq. Daħlu f'kamra. Fiha kien hemm tifel ta' tliet snin rieqed wiċċu aħmar bis-sħana, imgezzez fil-gvieret. Ħdejh komodina, u jistrieħu magħha żewg karozzi zgħar." Dak ħija Michael, miskin ma jimxix... il-mama' ssejjaħlu l-ġojjell ta' qalbha!" qal Aaron lil Roy.



Bdedika lil tifel li għex u miet fl-ITU fl-isptar San Luqa.

Awguri


Ma rridx li l-awguri tiegħi jkunu bħal tas-soltu. Nixtieq li dawn ikunu figurattivi. X’hemm aktar figurattiv mill-presepju fi żminijiet bħal dawn? Għalhekk bl-awguri tiegħi se nixtri l-pasturi, kif kont nagħmel meta kont tifel mingħand ħanut tal-merċa żgħir f’kantuniera fejn kienet toqgħod nannti iżda li tista’ tgħid kien ibigħ kollox.


L-ewwel ma nawgura lil Dun Anġ Seychell, li ta d-dar li kellu f’Nazaret għal min tant qiegħed fil-bżonn. Inpoġġih Bambin fil-maxtura. Jekk kif jgħid il-Koran il-Bambin twieled jitkellem, fil-każ ta’ Dun Anġ twieled bil-pinna f’idejh ukoll.
Jishar fuqu l-pastur Ġużeppi, li bl-akbar awguri nqiegħed lill-Arċisqof Pawlu Cremona, bil-baklu tar-rgħajja bil-ġilju jrid jisponta u ma jistax. Astrid Vella faċċata tiegħu, bejn tħares lejn binha u bejn lejn il-grotta li welldet fiha, ma tistax temmen lill-għajnejha bl-ambjent li kienet fih.

Għas-sħana fuq wara, biex isaħħnu lill-Bambin, baqra u ħmara. Nawguralhom lit-tnejn. Flok il-baqra nqiegħed lil Tonio Fenech għax wara li jkun ħaleb lill-poplu Malti se jdur biex jaħleb lilu nnifsu. U minflok il-ħmara ... opinjonista lokali. Nawgura lil dawk kollha li din is-sena qegħdin iħossu l-għafsa aktar minn ħaddieħor. Għalhekk lil dawn se npoġġihom merħla nagħaġ li sfaw fost l-ewwel vittmi fil-kesħa tax-xitwa politika. Lil dawk il-ħaddiema tat-Tarzna li sal-lum għadhom ma ħadux dak li hu tagħhom bi dritt u li mentri huma barra fit-Tarzna għad hemm mijiet ta’ ħaddiema barranin.


Lil dawk li kienu ilhom snin jaħdmu f’fabbrika u qamu filgħodu u sabu l-bibien tax-xogħol magħluq. Lil dawk il-mijiet ta’ pensjonanti u familji medji li dan il-Milied b’mod partikulari se jkollhom jikkuntentaw b’ħafna inqas. Lil dawk il-ħaddiema tas-Sea Malta li għadhom jiġġieldu għal-loqma li messithom u li sal-lum għadhom ma tħallsux.

Żewġ anġli fil-bokka tal-grotta jkantaw Gloria In Excelsis Deo. Fuq naħa Ira Losco u fuq l-oħra Kevin Borg u nawguralhom li jkollhom aktar suċċessi. Inħeġġiġhom jibqgħu għaddejjin hekk għax minn żmien għal żmien qishom żewġ raġġi tax-xemx f’xitwa kiesħa.


Kelli problema biex insib l-għaġeb tal-presepju. Mhux għax minħabba n-nuqqas iżda għax kelli wisq kompetizzjoni. Peress li l-għaġeb magħruf għalkemm iħobb jorqod iddeċidejt li nagħmel aktar minn wieħed. Għalhekk ħassejt li kelli nagħmel lill-Awtoritajiet Regolatorji. Dan għaliex jiġri x’jiġri f’pajjizna – bħal fil-qasam tal-mediċini, prezzijiet eżaġerati fit-telefonija, l-għoli tal-ħajja dejjem tiela’, prattici kummerċjali li jkomplu jnaqqru lill-konsumatur – jibqgħu jħarsu qishom reqdin u trid li tniggiżhom biex jiċċaqlqu.

Nawguralhom li ma jdumux ma jqumu!

Flok xabbatur wieħed ħassejt li għandi nagħmel tnejn. Wieħed jismu Peppi Azzopardi u l-ieħor Natalino Fenech. Żewġ alpinisti tal-ġurnaliżmu li jieħdu riskji kbar biex jiksbu biċċa aħbar. Nawguralhom li jibqgħu sejrin hekk għax qegħdin iroddu lura lill-pubbliku kull ewro li qegħdin jirċievu għas-servizz immakulat li qegħdin jagħtu. Ix-xogħol monumentali ta’ imparzjalità u oġġettività li jwettqu jista’ jiġi apprezzat biss kull meta tasal elezzjoni. Mhux għax ma bdejniex naraw ftit minnu issa, iżda l-quċċata tintlaħaq xi tliet snin oħra. Minn qalbi nawguralhom li jirbħu l-Pulizter Prize u lanqas m’għandi dubju li sa elezzjoni oħra jkunu Kumpanni tar-Repubblika … għax wara li rajt xi wħud li ħaduha din is-sena kollox hu possibbli!

Ġejt imbagħad għall-kaċċatur. Kont se nqiegħed lil Joe Farrugia iżda ftakart li diġà kellu dan il-privileġġ is-sena l-oħra. Ħassejt li għandi npoġġi lil Austin Gatt. Mhux wisq għax kaċċatur tat-tajr aktar milli tal-bnedmin. Kull meta jimmira għal xi ħaġa bilfors irid jolqot, ikunu kemm ikunu l-vittmi fit-triq… oħroġ il-għaġeb dejjem b’kumbinazzjoni jkunu l-ħaddiema. Il-PBS, is-Sea Malta, it-Tarzna, il-Maltacom u anke investiment tal-privat. Imħatri fuq fabbriki li jagħlqu u saħansitra jibgħatek tixxejjer bid-Daniż!

Għalhekk ħassejt li għandi nagħtih kolombrina biex jispara lil min joqgħodlu fit-triq. Tlabtu joqgħod daqsxejn attent għall-anġli li ma jmurx jaħsibhom xi żewġ summiniet. Nawguralu li jibdel l-istil.


Għat-Tre Re ma kellix problema. Wieħed minnhom Richard Muscat b’differenza … flok b’xi rigal, idu f’idu. Ġie fil-grotta biex jitlob kumpens għall-flaġelli kbar li qala’ f’dawn l-aħħar 20 sena. Iżommlu l-mantell, eks ħaddiem tal-Voice of the Mediterranean.

Re ieħor, liebes ta’ Persjan, eks ministru li li ma kienx għall-eluf ta’ ewro li rċieva f’kumpens dan l-aħħar għax ma telax fil-Parlament, kien hemm ċans tajjeb li jmut bil-ġuħ. Iżommlu l-mantell, ħaddiem tat-Toly Products għadu jistenna l-miżerja ta’ ħlas tan-notice money.

Flok re ieħor, u biex nuża t-transgender, ħassejt li għandi nagħmel reġina. Għamilt lil Giovanna Debono. L-Għawdxin kollha jaqblu li din tgħidx kemm tqassam. Allura xi ħaġa għall-Bambin m’għandhiex?!

La qsamna l-Fliegu mhux sewwa li ma nawgurax lil Chris Said. F’Kastilja kulħadd qiegħed jgħid li dan hu stilla. Għalhekk irbattu b’biċċa fildiferruwa u minnu għamilt l-Istilla tal-Milied. Peress li jidher f’kull konferenza stampa, anke jekk ma jkollux l-inqas nitfa x’jaqsam magħha, b’mod speċjali jekk issir f’Għawdex, f’idu tajtu borża trab tal-porporina. B’hekk kull fejn tħares tara kullimkien ileqq bis-saħħa tiegħu. Għall-ewwel kont se nagħtih borża bżar iżda bżajt mill-għajnejn u l-għatis.

Nawguralu li jkompli jaħleb lil kulħadd għall-ideat u li jkompli bit-tifrix tal-porporina fil-politika ta’ Kastilja! Nammetti li dan ir-rwol daħal fih tajjeb u jekk jibqa’ sejjer hekk, l-Għawdxin ma jdumux ma jkollhom re flok reġina. Min qalbi nawguralu.

Moħbi wara siġra tas-sagħtar Jason Azzopardi jargumenta mal-Kummissarju tal-Artijiet u Mario Demarco. Jason jinsisti li l-okkupazzjoni tal-grotta kienet illegali għax proprjetà tal-Gvern. Jibqa’ jinsisti li jeħtieġ li kulħadd għandu jiġi żgumbrat b’effett immedjat. Il-Kummissarju jinsisti li ta’ l-inqas iħalli s-sena tgħaddi biex ħadd ma jiġi f’ilsien in-nies.

Mario Demarco jrodd is-slaleb għax ma jistax jemmen dak li qiegħed jisma’, għax waqt li hu kien qiegħed jagħmel minn kollox biex iġib it-turisti, l-ieħor irid inaffar il-festa li toħloq in-negozju. Sa lit-Tre Re ġab bil-low cost airlines. Jhedded li jekk kulħadd jiġi żgumbrat kien se jagħmel presepju mill-ministeru tiegħu.

Fil-bogħod jidher pastur qalb l-għelieqi jdur bi pjanta f’idejh. F’dak il-lejl ta’ skiet irid jiftaħ diskoteka qalb is-siġar taż-żebbuġ u ċ-ċipress. Uffiċjal mill-MEPA jagħtih parir li aħjar li le għax iqajjem lill-Bambin Ġesù.

Fl-aħħar nett ma nistax ma nsemmiex l-operatur ta’ dan il-presepju. Il-Prim Ministru! Nawguralu li jkompli jiġbed l-ispag!

L-Erbgħa, 24 ta’ Diċembru 2008

Lil Bambin Li Ma Twelidx















Il-jum ta'qabel, Jusef qal lill-martu,
Li mal-lejl jaqbdu kollox u 'l barra jparpru.
Na felħux aktar jismgħu bi trabi
Li hekk kif jitwieldu, ikunu mmaskrati.
Mariam riedet lil binha f'guf,
Jitwieled b'saħħtu, ħieles bħal ħaruf.
Għalħekk Jusef bakkar fid-dlam fil-għodu,
Ħa' jfittex post ieħor fejn jistgħu joqgħodu.















Mariam mgħawwġa fuq dahar il-ħmar,
Jusef quddiem jistenna n-nhar,
It-tnejn kienu ilhom għaddejjin,
Minn widien għal għoljiet… issa għajjenin.
Biex mill-biża' jitbegħdu, trejqu biss ftit
U riedu jistrieħu ħa' jkomplu mill-ġdid.
Fuq xifer ta' rdum, lemħu villaġġ,
Hemm setgħu jitrejqu, u jkomplu bil-vjaġġ.

It-toroq battala, bibien magħluqin
In-nies bħal ħarbu imwerwra u beżgħanin.
L-irwiefen tat-trab issieħbu max-xita,
Biex tajn kull fejn jirfsu u xejn għall-wita.
Kien ċar li triqthom imfassla biex tkun,
Imdardra bil-ġebel u bla bukkun.
Jusef qal lil Mariam dal' kliem:
"Aħjar ma nieqfux, nibqgħu sejrin!"













Mariam fuq ġufha b'idejha marsusin,
Ma kull qabża tħoss, il-weġgħat ġejjin.
Mingħajr ma kelma lissnet imqar,
Għat-tlajja' lil Jusef ħalliet jiġbed il-ħmar.
Fis-skiet bdiet issoffri mingħajr ma tgħid xejn,
Titbiegħed riedet minn tal-qattiel 'l għajnejn.
Sakemm qawwi kien l-ugiegħ tal-ħlas,
Bħal donnu f'gufha kellha imqass.

Jusef intebaħ, meta lemaħ id-demm.
Kien ċar li t-tqala kellh' issa tintemm.
Iżda fejn seta', b'nofs martu mejta,
F'nofs masġar mudlam, isib jagħmel bejta.
Mariam bdiet f'daqqa twerżaq bl-uġiegħ
Għal Jusef dan kollu, bir ta' bizgħa mingħajr qiegħ.
Għajnejh ħmarulu u l-Mariam iqandel minn qaddha,
Mill-art għamel sodda u minn ġebla imħadda.

Mimtula mal-art, Mariam għafset ta' Jusef l-idejn,
Bħal riedet tgħidlu, li dan kollu kien għal xejn.
















Dawn l-erbgħat ivrus neddedikahom lil dawk l-ommijiet u trabi li jmutu bil-mijiet tagħhom ta' kuljum fil-Kontinent Afrikan. Talli paroli għandna kemm trid, iżda meta niġu għall-fatti, dejjem nibqgħu ma nagħmlu xejn.